KLABB TAS-SAJF 2019

L-applikazzjonijiet għad-Don Bosco Summer Club 2019 propjament għalqu fl-aħħar ta’ Mejju. Madankollu jibqgħu jiġu aċċettati tfal skont il-postijiet li jkun baqa’ fi klassijiet partikulari. Ħudu l-applikazzjonijiet li jkollkom bżonn mill-Foyer. L-applikazzjonijiet jinsabu wkoll minn hawn.

 


APPLIKAZZJONIJIET GĦAL-LEADERS GĦALL-KLABB TAS-SAJF

Għal darb’oħra nkomplu nagħmlu appell biex ikollna aktar leaders matul is-Sajf. Dawk li jixtiequ u jistgħu joffru ftit ħin fil-ġimgħa jikkuntattjaw lil Dun Effie u jimlew applikazzjoni apposta li tinkiseb mill-Foyer jew minn hawn. ‘Il quddiem issir Laqgħa ta’ Tħejjija għal dawn il-voluntiera.

 


L-ISTAĠUN TAL-PALK 2019-2020

Bdew it-tħejjijiet għall-attivita’ ewlenija li għandna fl-istaġun il-ġdid tal-palk 2019-2020. Din se tkun il-musical: “The Sound of Music”, li se jsir live bl-ingliż flimkien mal-Chorus Urbanus. Il-musical se jsir fid-9, fl-10, fil-15 u fis-17 ta’ Novembru. B’konnessjoni ma’ dan il-musical għandna bżonn ta’ iktar persuni li jistgħu jgħinu fil-ħjata tal-kostumi kif ukoll fix-xenarju tal-palk. Kellmu lil d. Effie jew lil Salvu Cremona.

 


IL-LAPIDI STORIĊI TAL-ORATORJU

B’talba ta’ Mons. Isqof il-Lapidi storiċi li kienu jinsabu fil-Kamra ta’ wara l-Kappella ittieħdu f’dawn l-aħħar ġranet mill-Oratorju. Dawn il-lapidi kienu nstabu fin-naħa tal-grawnd tal-Oratorju li għal żmien twil kien jintuża bħala ċimiterju.

 


EŻAMIJIET TAŻ-ŻFIN FL-ORATORJU

Matul ix-xahar ta’ Ġunju se jsiru diversi sezzjonijiet ta’ eżamijiet taż-Żfin minn Boards Internazzjonali fid-Dance Studio tal-Oratorju. L-ewwel sezzjoni ta’ eżamijiet se tkun nhar il-Ġimgħa li ġejja. Nawguraw lill-istudenti kollha u lill-għalliema tagħhom għal dawn l-eżamijiet.

 


TASAL FI TMIEMHA IN-NURSERY

Il-bieraħ is-Sibt saret il-konklużjoni tan-Nursery għal dan l-istaġun b’Quddiesa fil-5.00pm fil-Kappella. Inroddu ħajr l-iktar lill-coaches tagħna li b’dedikazzjoni għallmu u akkumpanjaw lit-tfal tagħna.

 


SAFRA GĦALL-ISVIZZERA GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ

Dawk l-istudenti u ż-żgħażagħ li jixtiequ jingħaqdu magħna għas-safra ta’ dan is-sajf bejn l-14 u d-19 ta’ Settembru għandhom ikellmu lil d. Effie malajr kemm jista’ jkun. In-numru huwa limitat u l-bookings iridu jkunu konfermati malajr.

 


IS-SENA SOĊJALI QED TINTEMM

Mal-bidu ta’ Ġunju, is-Sena Soċjali 2018-2019 qed tasal fi tmiemha. Grazzi lil dawk kollha li taw is-sehem tagħhom biex l-Oratorju jibqa’ ħaj u jibqa’ jkun post ta’ formazzjoni nisranija u soċjali.

 


KWARANTURI FIR-RABAT

Illum il-Ħadd se jsir l-għeluq tal-Kwaranturi Mqaddsa fil-parroċċi tar-Rabat. Fil-5.00pm issir Quddiesa mmexxija mill-Isqof f’San Ġorġ u dritt wara Purċissjoni bl-Ewkaristija sal-Katidral. Kulħadd mistieden jattendi.

 


AFFIDAMENT TAD-DJOĊESI LILL-MADONNA TA’ PINU

Fl-okkażjoni tas-Sena Marjana, nhar l-Erbgħa Mons. Isqof Mario Grech se jagħmel Att ta’ Affidament tad-Djoċesi lill-Madonna ta’ Pinu. Aħna lkoll mistednin nieħdu sehem fil-quddiesa li se ssir fis-Santwarju Ta’ Pinu dakinhar fis-7.30pm.

 


KORSIJIET MILL-KUMMISSJONI FAMILJA

Mill-1 sat-12 ta’ Lulju l-Kummissjoni Djoċesana Familja se torganizza tlett korsijiet ghal kull min jixtieq jjinvesti fil-familja tieghu. L-applikazzjonijiet jinġabru mill-Uffiċċji Parrokkjali jew miċ-Ċentru Ta’ Kana.

 


HOSTELS TAL-KNISJA GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ GĦAWDXIN F’MALTA

Id-Djoċesi t’Għawdex qed toffri servizz sussidjat ta’ hostelling għall-istudenti u ż-żgħażagħ Għawdxin f’Malta. Dawk li jixtiequ jużaw dan is-servizz huma mitluba jiktbu ittra lis-Segretarju Amministrattiv tad-Djoċesi, fil-Kurja. Jista’ japplika kulħadd, imma tingħata preferenza lil dawk li jeħtieġu l-iktar għajnuna. It-talbiet jintlaqgħu sal-aħħar ta’ Ġunju.

 


“ONLINE BOOKING” GĦALL-ORATORJU

Wara ħidma li ilha sejra sena w nofs, l-Oratorju issa għandu s-sistema tiegħu tal-online booking li jista’ jintuża mill-istaġun li ġej għall-films tal-Hadd kif ukoll għall-produzzjonijiet tearali. Għal min irid, is-sistema konvenzjonali tal-bookings se tibqa’, imma magħha se tiżdied din il-faċilita’ wkoll. Grazzi lil dawk kollha li ħadmu fuq din is-sistema moderna tal-bookings.

Click for upcoming movies

Click to check performance

Click to browse articles