Merħba fil-website uffiċċjali ta’ l-Oratorju Don Bosco ta’ Għawdex. Dan l-Oratorju jaf il-bidu tiegħu mill-jum li fih il-patrun tagħna San Ġwann Bosco kien ġie proklamat uffiċċjalment qaddis mill-Knisja Kattolika, jiġifieri fl-1 t’April 1934. Mill-bini fejn ninsabu llum, l-Oratorju ilu jopera sa mit-8 ta’ Ottubru 1949. Min jaf kemm għaddew minnu ġenerazzjonijiet ta’ tfal u żgħażagħ minn kull rokna ta’ Għawdex (u anki minn Malta).
U għax din l-istituzzjoni hija mmirata prinċipalment għat-tfal u ż-żgħażagħ l-Oratorju baqa’ dejjem jiġġedded. Il-website għandha l-għan li toffri mera ta’ l-Oratorju llum, waqt li ukoll tagħti titwila nostalġika lejn il-passat.
Bħalma jafu dawk midħla tas-sistema ta’ Don Bosco, l-Oratorju jimmira li jifforma l-bniedem permezz ta’ laqgħat u attivita’ varja, u għalhekk iħaddan diversi taqsimiet bħal m’huma il-kappella, gruppi ta’ formazzjoni, il-palk, iċ-ċinema, il-futbol u l-grawnd, il-Klabb tas-Sajf, eċċ. Din il-ħidma kollha imma hija mmirata li tgħin fil-formazzjoni tal-bniedem sħiħ fid-dawl tal-prinċipji nsara. Jalla din il-website tkun ħolqa oħra fil-katina ta’ inizjattivi ta’ l-Oratorju Don Bosco bil-għan li jkompli jilħaq u jibqa’ jkun ta’ servizz u formazzjoni lill-ġenerazzjonijiet tal-lum. Dun Effie Masini