L-Oratorju Don Bosco fi Pjazza Santu Wistin ir-Rabat Għawdex ġie miftuh uffiċjalment nhar it-8 ta' Ottubru 1949. Ftit żmien wara, jiġifieri f'Mejju 1951 l-Oratorju nawgura wkoll iċ-ċinema jew aħjar kif kien magħruf dakinhar it-talkies. Sa mill bidu tiegħu il-film fl-Oratorju dejjem kien immirat biex joffri divertiment onest lit-tfal flimkien mal-familja. L-ewwel film li ntwera kien 'Joan Of Arc' tal-attriċi Ingrid Bergman, film maħdum fl-1948. Fl-ewwel snin l-attendenza fis-sala dejjem kienet tkun waħda numeruża tant li xi drabi kienu jitħallew xi nies barra. Matul is-snin ntwerew films kbar bħal, 'The Robe', 'King of Kings', 'The Ten Commandments', 'Ben-Hur', 'Quo Vadis', 'El Cid', 'Spartacus', 'The Sound of Music', 'The King and I', '7 Brides for 7 Brothers' u tant oħrajn li għalihom is-sala dejjem kienet tkun maħnuqa bin-nies. Il-ġurnata preferita kienet dik tal-Ħadd għalkemm kien hemm okkazjonijiet oħra fejn intwerew films matul il-ġimgħa li trattaw xi temi soċjali.
Lejn il-bidu tas-snin tmenin l-attendenzi fis-swali ċinematografiċi f'Malta u Għawdex bdew neżlin. Primarjament dan kien kaġunat minħabba d-dħul f'pajjiżna tat-televiżjoni tal-kulur kif ukoll il-videos. Tant kien hawn tnaqqis li ħafna swali għalqu. L-Oratorju wkoll kellu effett negattiv fl-attendenzi tant li fit- 30 ta' Marzu 1986 ntwera 'BMX Bandits', film li kellu jkun l-aħħar sa dak iż-żmien.
Mal-bidu tas-snin disgħin bdew jiftħu swali ġodda taċ-ċinema f'Malta b'teknoloġija mill aktar moderna u b'kumditajiet li qatt ma konna rajna bħalhom f'pajjiżna. Dan kien determinanti biex aktar nies imorru jaraw il-film favorit tagħhom fuq il-Big Screen. L-Oratorju ukoll ittanta xortih u il-Ħadd 6 ta' Frar 1994 reġa fetaħ iċ-ċinema tiegħu bil-film 'Home Alone 2 – Lost In New York'. Minkejja li ma kien sar l-ebda bdil f'dak li hu sound system u projectors, it-tfal u l-familji xorta attendew bi ħġarhom u dan kien ta' kuraġġ għall-organiżżaturi u dawk li dejjem għinu volontarjament biex din l-attivita' terġa' tistabilixxi ruħha. F'Jannar tal- 2006 l-Oratorju xtara projector ġdid mingħand id-ditta Kinoton tal-Ġermanja kif ukoll Dolby Sound Processor. Minbarra dan l-investiment sostanzjali li l-Oratorju daħal għalih bl-għajnuna ta' ħafna nies fosthom il-Ministeru tal-Edukazzjoni, bidel ukoll l-iscreen ma wieħed akbar. L-ispiża ammontat għal madwar Lm12,000. Dan il-bdil ma sarx b'kapriċċ imma minħabba l-fatt li l-projectors ma baqgħux kompatibbli mas-sound, li beda jiġi konvertit għal cyan dye tracks fuq kull print ġdida. Ta' min isemmi li sa dakinhar il-projectors tagħna kienu għadhom bis-sistema ferm antika tal-faħam. L-ewwel film li ntwera bil-projector il-ġdida kien 'Herbie Fully Loaded'.
Illum dawk kollha li jattendu għal 'ĊINE-FAMILJA' ta' kull nhar ta' Ħadd fl-Oratorju Don Bosco jistgħu igawdu prodott ferm aħjar minn dak ta qabel. Issa bi stampa ċara kristall, fuq screen akbar u b'Dolby Surround Sound. Il-films fl-Oratorju Don Bosco jintwerew kull nhar ta' Ħadd bejn Ottubru u Mejju fil-17.30. Minn żmien għal żmien isiru ukoll films speċjali fi ġranet oħra bħal 'The Nativity Story'. Isiru ukoll films għat-tfal tal-iskejjel u gruppi oħrajn.