L-Oratorju Dun Bosco ta' Għawdex jaf il-bidu tiegħu fil-Knisja ta' Savina fl-1929 u l-ewwel laqgħat u attivitajiet reliġjużi kienu jsiru f'din il-knisja.

Meta fl-1934 infetħet l-ewwel dar bħala Oratorju fi Triq il-Karita', id-dar kienet żgħira wisq biex fiha ssir Kappella, u għalhekk għal bosta snin kienet tintuża l-Knisja ta' San Ġakbu għall-quddiesa tal-Ħadd.

Kien fl-1936 meta l-Oratorju ġie trasferit għal dar akbar fi Triq Mons. Giuseppe Farrugia li għall-ewwel darba kamra minn din id-dar bdiet tintuża bħala Kappella. Għaliha Dun Pawl Micallef kien xtara artal, issellef xi gandlieri u poġġa fuqu l-kwadru ta' Dun Bosco. Kien fl-istess sena li Dun Pawl Micallef ħallas minn butu statwa ta' Dun Bosco mingħand l-istatwarju Wistin Camilleri. F'dan iż-żmien beda jsir it-tridu u l-festa ta' Dun Bosco fil-Knisja Parrokkjali ta' San Ġorg.

Fl-1947, l-Oratorju trasferixxa ruħu mill-ġdid għal dar fi Pjazza Santu Wistin jew kif kienet magħrufa dak inhar 'Fuq it-Tomba'. Għas-servizzi reliġjużi bdiet tintuża l-Kappella tad-Duluri li kienet tinstab fiċ-Ċimiterju biswit l-istess dar kif ukoll il-Knisja ta' Santu Wistin.

Minkejja li l-ewwel fażi tal-bini ta' l-Oratorju preżenti tlestiet u ġiet inawgurata fit-8 t'Ottubru 1949, il-Kappella baqgħet ma' nbnietx fejn kienet ppjanata u għalhekk is-sala ta' wara l-gallarija tat-teatru ġiet irranġata bħala Kappella proviżorja. Kien hawnhekk li fil-5 ta' Novembru 1949 inġiebet l-istatwa tal-Madonna ta' Fatima u qabel it-tluq tagħha mill-Oratorju, Mons. Isqof Ġuzeppi Pace ikkonċieda li l-Kappella ssir Sagramentali, jiġifieri li jibda jinżamm fiha Ġesu Sagramentat. Għal bosta snin baqgħet tintuża s-sala ta' quddiem fit-tielet sular ta' l-Oratorju bħala Kappella.

Meta bejn l-1955 u l-1963 beda l-proġett tat-twessiegħ tal-pjazza ta' quddiem il-Parroċċa ta' San Ġorg, kien jeħtieg li titwaqqa' Kappella antika ddedikata lil San Ġuzepp magħrufa bħala 'San Ġużepp tas-suq'. Il-Gvern bħala kumpens ta' lill-Knisja s-somma ta' flus biex tinbena knisja oħra x'imkien ieħor.

Kien fiż-żmien li Fr. Vincent Debono SDB kien Direttur ta' l-Oratorju li fis-sena 1964 ġie deċiż li tinbena kappella moderna li tkun aktar aċċessibbli. Il-flus allokati mill-Gvern ġew mogħtija għal din il-Kappella u għalhekk il-kappella l-ġdida ta' l-Oratorju ġiet ddedikata lil San Ġuzepp.

Il-pjanta saret mill-Perit Joseph Mizzi. Ix-xogħlijiet bdew f'Ottubru 1963 u fit-8 ta' Novembru ta' l-istess sena saru l-pedamenti tal-konkrit. Il-kappella tbierket mill-E.T. Mons. Ġuzeppi Pace Isqof t'Għawdex nhar il-Ħadd 31 ta' Jannar 1965 fl-10.30am.

Il-Kappella giet ikkonsagrata mill-E.T. Mons. Nikol Ġ. Cauchi Isqof t'Għawdex nhar il-Ħadd 8 t'Ottubru 1989.

Fit-tieni Ħadd ta' l-Għid tas-sena 2001 ġiet inawgurata u mbierka pittura ta' Kristu Rxoxt ta' l-artist John Grima li serviet ta' xprun biex tiġi rranġata l-Kappella.

Bejn Lulju 2003 u April 2005 saru xogħlijiet estensivi ta' tisħiħ u tisbieħ tal-Kappella. Il-binja ġiet marbuta dawra mejt b'ċinturini tal-ħadid, inbniet faċċata ġdida u saru xogħlijiet ta' tisbieħ fil-kappella. Ix-xogħol kollu sar fuq disinn ta' l-artist John Grima u bit-tħabrik tal-Kumitat tal-Festa. It-tberik mill-ġdid u l-inawgurazzjoni tax-xogħlijiet saru mill-E.T. Mons. Nikol Ġ. Cauchi Isqof t'Għawdex nhar il-Ħadd 18 t'April 2004 fiż-żmien li kien Direttur ta' l-Oratorju Fr. Louis Bezzina.

images/frontpage/b_cinefamilja.png#joomlaImage://local-images/frontpage/b_cinefamilja.png?width=600&height=450

ĊineFamilja

Click for upcoming movies

images/frontpage/b_pv_meter.png#joomlaImage://local-images/frontpage/b_pv_meter.png?width=600&height=450

Pannelli Solari

Click to check performance

images/frontpage/b_sustainable_energy.png#joomlaImage://local-images/frontpage/b_sustainable_energy.png?width=600&height=450

Enerġija Sostenibbli

Click to browse articles